It-tribute band ‘Coldplace’ b’wirja mużikali b’risq
2/3/2006
Fit-30 ta’ Marzu t-tribute band ‘Coldplace’, se tagħti wirja
tal-mużika tal-banda popolari ‘Coldplay’ fil-Gianpula Fields b’risq
il-YMCA Valletta u bl-iskop li din l-għaqda filantropika tkun tista’
ssostni s-servizzi li tagħti lill-pubbliku.
Il-banda ‘Coldplace’ twaqqfet fl-2003 bħala tribute band
għall-‘Coldplay’ li jdoqqu kanzunetti popolari bħal Speed of Sound, Fix
You, Yellow, Politik, Shiver, Spies u ħafna kanzunetti popolari oħra
mit-tliet albums tal-‘Coldplay’ : Parachutes, A Rush of Blood to the
Head u X & Y. Il-‘Coldplace band’ ilhom minn mindu twaqqfu
jduru mar-Renju Unit jipromwovu l-mużika ta’ ‘Coldplay’ u joħolqu
l-istess atmosfera.
Il-YMCA Valletta twaqqfet fl-1976 u tagħmel parti mill-YMCA
international network. Il-YMCA Valletta hi moviment volontarju u
ekumeniku u li ma jagħmilx qligħ u li għandha bħala skop li
tagħti servizz ta’ ħidma soċjali professjonali lil dawk fil-bżonn, li
ma jkollhomx saqaf fuq rashom u li huma fil-bżonn ta’ appoġġ
emozzjonali. Il-YMCA tispeċjalizza fil-ħidma ma’ individwi u
familji li ma jkollhomx fejn joqgħodu. Fl-2004 l-YMCA fetħet ‘Dar Niki
Cassar’ li tista’ takkomoda sa 22 irġiel, nisa u tfal. Din id dar hi
miftuħa 24 siegħa kuljum, 365 ġurnata fis-sena.
Fl-2005 YMCA Valletta għenet 1,283 individwu, ċifra li ma tinkludix
l-2007 persuna li jibbenefikaw mill-programm ta’ l-ikel ta’ l-Unjoni
Ewropea. It-total hu ta’ 6,405 intervent b’9,000 klijent.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li kien
preżenti għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet f’Baystreet li nediet
l-attivita’ f’Malta minn ‘Coldplay’, feraħ lill-YMCA Valletta
għall-ħidma filantropika tagħha favur dawk kollha li jkunu jeħtieġu
l-għajnuna. Hu qal li organizazzjonijiet bħal YMCA kien jixirqilhom
kull appoġġ biex mhux biss ikomplu fl-attivitajiet tagħhom, iżda
jkattruhom billi jkomplu jikbru.
“Iż-żjara f’pajjiżna mit-tribute band ‘Coldplace’ hi okkażżjoni
unika għal dawk kollha li jsegwu lill-‘Coldplay’ u i jħobbu l-mużika
tagħhom. Il-mużika popolari tal-grupp ‘Coldplay’ wasslet lil dan
il-grupp biex fil-15 ta’ Frar li għadda rebħu żewġ premjijiet
prestiġġjużi fil-‘Brit Awards 2006’: il-Best British Single
bil-kanzunetta tagħhom ‘Speed of Sound’ u l-Best British Album ‘X &
Y’”, qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kunċerti bħal dak li se
jittella’ minn ‘Coldplace’, minbarra li jagħtu opportunita’ unika lil
dawk kollha li jsegwu l-mużika tal-grupp ‘Coldplay’ u jgħin lill-YMCA
Valletta fil-ħidma tagħha, jagħtu lit-turisti li jżuruna – u li
ħafna minnhom jiġu mir-Renju Unit – iċ-ċans li huma wkoll jsegwu
l-grupp favorit tagħhom u hekk igħinu fil-promozzjoni ta’ pajjiżna
bħala esperjenza mill-isbaħ fil-qasam tal-kultura mużikali.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li f’pajjiżna kienu qed jiġu
organizzati diversi kunċerti vokali minn kantanti popolari li qed
ikomplu jpoġġuna fuq il-mappa mużikali li hi parti min-niċċa kulturali
li qed nippromwovu għal Malta.
Sadattant Claude Muscat Doublesin, Brand Executive ta’ Vodafone
Malta Limited li qed tgħin biex jittella’ dan il-kunċert qal :
“Vodafone tammira lill-YMCA Malta għax-xogħol utli li tagħmel
fil-komunita’ tagħna u għaldaqstant huwa ta’ pjaċir għalina li
nissapportjaw lil din l-għaqda biex itellgħu dan il-kunċert. Aħna ċerti
li l-kunċert tat-tribute band tal-band popolari Ingliża ‘Coldplay’ se
jkun milqugħ tajjeb mill-udjenza Maltija. Il-biljetti għal dan
il-kunċert jinsabu għħl-bejgħ mill-ħwienet kollha tal-Vodafone u d-dħul
minn dan l-avveniment ser jgħin biex il-YMCA tkompli toffri s-servizzi
tagħha lil min għandu bżonn. Il-Vodafone qed tassisti lill-YMCA wkoll
permezz tal-kampanja tar-riċiklaġġ tal-mobile phones qodma, fejn
il-qligħ kollu minn din il-kampanja jmur għal din l-organizazzjoni.”
O2.03.06
|